Il-Brexit u Aħna

Fit-22 ta’ Frar 2019, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew organizza diskussjoni pubblika f’Dar l-Ewropa dwar Brexit mal-MPE Marlene Mizzi (S&D), b’enfasi fuq ir-regolament tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi motorizzati.

 

 

Il-MPE Marlene Mizzi semmiet li kien ta’ dispjaċir li r-Renju Unit iddeċieda li jħalli l-UE u li Malta se tħoss in-nuqqas tar-Renju Unit fid-diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa fil-livell tal-UE. Filwaqt li rreferiet għar-rapport Parlamentari tagħha dwar it-tlestija tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni bħala parti mit-tħejjija għal Brexit, hija enfasizzat il-ħtieġa ta’ klima ta’ kontinwità.

 

Il-laqgħa ġiet indirizzata wkoll mill-Kummissarju Għoli Ingliż Stuart Gill, filwaqt li kien hemm interventi oħrajn kemm mill-panel kif ukoll mill-pubbliku, dwar diversi aspetti ta’ Brexit u tat-tranżizzjoni tar-Renju Unit minn Membru tal-UE għal pajjiż barra mill-Unjoni.

 

Anna Zammit Vella, Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta fakkret li din is-sena hija sena importanti fuq livell Ewropew minħabba l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju. Permezz tal-elezzjonijiet Ewropej aħna se nkunu qegħdin neleġġu direttament lill-koleġiżlaturi li se jirrappreżentawna fil-Parlament Ewropew u li, flimkien mal-gvernijiet nazzjonali tagħna fil-Kunsill tal-UE, ifasslu l-liġijiet tal-UE.