Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata

Fil-15 ta’ Frar 2019 saret diskussjoni pubblika fuq livell nazzjonali u Ewropew dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. F’din il-laqgħa, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta laqa’ lill-MPE David Casa, ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew għar-Rapport dwar il-proposta għal direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw.

Flimkien mal-MPE Casa ġew diskussi l-miżuri favur aktar ħin u flessibiltà akbar għar-responsabbiltajiet tal-familja, kif ukoll miżuri ġodda Ewropej favur iżjed parteċipazzjoni min-nisa fis-suq tax-xogħol, leave itwal kemm għall-missier u l-omm sabiex jinqasmu r-responsabbiltajiet tal-familja, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u carer’s leave.

Fid-diskussjoni kien hemm ukoll preżenti kelliema mit-trejdjunjins, rappreżentanti mis-sħab soċjali, kelliema akkademiċi, kif ukoll mill-pubbliku inġenerali.

 

Ma naqasx li jissemmew ukoll l-Elezzjonijiet Ewropej u għaliex huwa daqshekk importanti li nivvutaw u li nikkonvinċu lil ħaddieħor jivvota wkoll.