Inwaqqfu l-Użu tal-Plastik li Jintuża Darba Biss

“Kullħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu fil-ġlieda kontra l-plastik”. Din hija l-idea ġenerali li ħarġet mis-sessjoni ta’ informazzjoni pubblika organizzata f’Dar l-Ewropa, fil-Belt Valletta, fit-8 ta’ Frar 2019.

 

F’din il-laqgħa, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta laqa’ lill-MPE Roberta Metsola (PPE). Din id-darba l-ambjent ġie diskuss mil-lat tal-projbizzjoni tal-plastik li jintuża darba biss. Din il-projbizzjoni tikkonċerna oġġetti tal-plastik li diġà hawn alternattivi għalihom, bħal platti, pożati, cotton buds, straws u oġġetti oħrajn li wara li jintużaw darba jintremew. Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew kienet tinkludi wkoll miżuri biex jitnaqqas l-iskart mill-prodotti tat-tabakk, partikularment il-filtri, kif ukoll dak mit-tagħmir tas-sajd.

 

F’diskussjoni fejn kien hemm ukoll preżenti għaqdiet ambjentali, akkademiċi u kunsilliera lokali, flimkien mal-pubbliku inġenerali, ħareġ qbil mifrux dwar il-bżonn li jkun hemm aktar edukazzjoni fuq kull livell, kemm fost il-pubbliku imma wkoll fost l-industrija.

 

Saret enfasi wkoll fuq l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, fuq il-kampanja diniddarbasenivvota u fuq kemm huwa importanti li nivvutaw u li nikkonvinċu lil ħaddieħor jivvota wkoll.