L-Aħħar Żviluppi fit-Tmexxija taż-Żona tal-Ewro

X'taħseb dwar l-Ewro? Taħseb li ż-żona tal-ewro hija ta' benefiċċju għall-pajjiżi Ewropej? Il-maġġoranza tal-Ewropej hekk jaħsbu. Il-Maltin huma l-aktar fost l-Ewropej li, bil-miġja tal-ewro, saru jħossuhom aktar Ewropej.

Proprju fuq is-suġġett tal-ewro, fil-18 ta’ Jannar 2019, f’Dar l-Ewropa, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta laqa’ lill-MPE Alfred Sant għal taħdita dwar l-aħħar żviluppi fit-tmexxija taż-żona tal-ewro.

Il-MPE Sant (S&D, ECON) tkellem dwar l-opportunitajiet imma wkoll l-isfidi li ltaqgħu magħhom il-pajjiżi taż-żona tal-Ewro matul dawn is-snin, kif ukoll dwar x’nistgħu nistennew fis-snin li ġejjin. Issemmew ukoll il-Brexit u l-impatti tagħha, il-fiskalità mħaddna mill-pajjiżi differenti, u l-popolarità tal-ewro bħala munita.

L-aġent Kap tal- Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Anna Zammit Vella semmiet l-inizjattivi li qed isiru mill-Parlament Ewropew u mill-Uffiċċju bi tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej, li f’Malta se jsiru fil-25 ta’ Mejju. Dawn jinkludu għadd ta’ diskussjonijiet, kampanja madwar l-Ewropa kollha biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’dawn l-elezzjonijiet permezz tal-pjattaformi www.diddarbasenivvota.eu jew www.thistimeimvoting.eu, is-sit ta’ informazzjoni X'qed tagħmel għalija l-Ewropa - What Europe does for me (https://what-europe-does-for-me.eu/mt/home) u issa wkoll is-Citizens’ App li tista’ titnizzel fuq il-mowbajls.