L-Emissjonijiet mill-Karozzi: X’tagħmel l-Ewropa għalik?

Ħafna minna jimpurtana mill-pjaneta tagħna. Jimpurtana wkoll x’qiegħda tagħmel Malta fil-ġlieda kontra t-tisħin globali u t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Tabilħaqq din il-ġlieda hija waħda mill-kwistjonijiet li l-Ewropej iqisu li hija tal-ogħla importanza fil-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019.

Fid-dawl ta' dan kollu, fil-11 ta’ Jannar, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta laqa’ lill-MPE Miriam Dalli, ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew għar-Rapport dwar il-proposta ta’ Regolament li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief.

Dawn l-istandards għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet serra u sabiex jitrażżan it-titbdil fil-klima. Fl-istess waqt, standards xierqa jistgħu jwasslu sabiex il-konsumaturi jiffrankaw b’mod konsiderevoli l-fjuwil u jistgħu jwasslu wkoll għal titjib fil-kwalità tal-arja għaċ-ċittadini tagħna.

Fil-laqgħa, li saret bil-parteċipazzjoni ta’ esperti mill-qasam lokali, ġie diskuss kif il-miżuri proposti se jiġu implimentati f’Malta u kif dawn se jaffettwawna.

Kienet okkażjoni fejn dawk preżenti setgħu jinformaw ruħhom, u setgħu jesprimu liema kwistjonijiet xtaqu li jiġu diskussi fil-leġiżlatura li jmiss tal-Parlament.

Ma naqasx li jissemmew ukoll l-Elezzjonijiet Ewropej u għaliex huwa daqshekk importanti li nivvutaw u li nikkonvinċu lil ħaddieħor jivvota wkoll.