Il-korrettezza u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

Fil-5 ta’ Ottubru 2018, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-Malta Business Bureau, organizza laqgħa ta’ diskussjoni u konsultazzjoni pubblika li s-suġġett ewlieni tagħha kienet il-proposta għal regolament dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online fl-ambitu tas-Suq Uniku Diġitali.

 

Fil-laqgħa, li saret fil-Life Sciences Park, il-MPE Francis Zammit Dimech (PPE), li huwa r-Rapporteur tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għal din il-proposta, flimkien ma’ kelliema oħrajn mill-qasam tan-negozju u mill-gvern taw l-opinjonijiet tagħhom rigward l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom is-settur fil-kummerċ online.

 

Anna Zammit Vella, Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta ħeġġet lil dawk preżenti jkomplu jipparteċipaw fil-proċess demokratiku Ewropew. Biex jinkoraġġixxi dan, il-Parlament Ewropew nieda mal-Ewropa kollha s-sit online thistimeimvoting.eu (f’Malta: diddarbasenivvota.eu) fejn kull ċittadin Ewropew jista’ jinvolvi ruħu fid-diskussjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-futur tagħha u tagħna.